IL-KUMMISSJONI EWROPEA TQASSAM GWIDA DWAR ID-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR LIN- NEGOZJANTI
Bħala parti mill-kampanja ta’ informazzjoni dwar id-dritttijiet tal-konsumatur, li ġiet imdenija f’Ottubru li għadda, il-Kummissjoni Ewropea qed tiffoka wkoll fuq in-negozjanti bil-għan li tipprovdihom bi gwida prattika dwar id-drittijiet tal-klijenti tagħhom. B’dan il-għan, Il-Kummissjoni għadha kif ippublikat ktejjeb informativ li qed jitqassam lin-negozjanti madwar Malta u Għawdex. Dan il-ktejjeb jispjega d-drittijiet tal-konsumatur u l-obbligi tal-bejjiegħ meta ssir tranżazzjoni kummerċjali bejniethom.
Dan il-ktejjeb ġie żviluppat speċifikament sabiex jipprovdi informazzjoni essenzjali għan-negozjanti f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-konsumatur madwar l-Unjoni Ewropea. Dawn il-liġijiet spiss jitqiesu bħala kumplikati u għalhekk il-ktejjeb ġie miktub b’tali mod li jinftiehem malajr u b’mod ċar. Il-ktejjeb jipprovdi informazzjoni dwar numru ta’ suġġetti differenti bħalma huma l-wiri tal-prezzijiet b’mod korrett, l-obligazzjonijiet tan-negozjant fil-bejgħ tal-prodotti u jagħti wkoll definizzjoni ċara ta’ l-obbligi tan-negozjant meta jagħti garanzija legali jew anke garanzija kummerċjali.
Barra minhekk, il-ktejjeb jitkellem ukoll dwar id-direttiva dwar Prattiċi Mhux Gusti li għaddiet ftit tax-xhur ilu, dwar it-tikketti fuq il-prodotti, is-self u xiri bin-nifs, u anke bejgħ minn fuq l-internet. Dan il-ktejjeb jitratta dwar il-legislazzjoni Ewropea mill-perspettiva tan-negozjant u jispjega b’mod ċar għaliex, u kif, id-drittijiet tal-konsumatur għandhom iservu ukoll bħala vantaġġ għan-negozjant.
Fil-fatt, il-ktejjeb jipprovdi wkoll informazzjoni prattika dwar kif in-negozjanti għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-klijenti tagħhom u fl-istess ħin, jassiguraw reputazzjoni tajba għan-negozju tagħhom stess, li fl-aħħar mill-aħħar, iservi sabiex jattiraw aktar klijenti ġodda.
Fl-introduzzjoni tagħa, Meglena Kuneva, il-Kummissarja Għall-Konsumaturi fi ħdan il-Kummisjoni Ewropea, qalet li ‘Sabiex id-drittijiet tal-konsumatur verament ikunu effettivi… hemm bżonn li naħdmu id f’id mal-komunita’ kummerċjali, għaliex kull kumpanija, żgħira jew le, għandha bżonn tkun taf xI drittijiet għandhom il-konsumaturi tagħhom.’
Il-kampanja ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-Konsumaturi, hija mmirata lejn il-konsumaturi. Tipprovdilhom informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tinkoraġġihom sabiex jagħmlu użu minn dawn id-drittijeit. Il-messaġġ ewlieni ta’ din il-kampanja hi ‘Insisti għad-Drittijiet tiegħek. U dan Bi Dritt!’ Min-naħa tagħhom, in-negozjanti wkoll għandhom rwol importanti u għalhekk qed jiġu indirizzati wkoll matul din il-kampanja informattiva. Dan għaliex is-suq ma’ jistax jaħem b’mod effettiv u effiċċjenti jekk kemm il-konsumatur iżda wkoll in-negożjant ma jkunux familjari mad-drittijiet tal-konsumatur.
Akatar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea organizzat ukoll konferenza mmirata għan-negożjanti, li trattat fid-dettal id-direttiva dwar Prattiċi mhux Gusti fil-bejgħ u promozzjoni ta’ prodotti u servizzi. Din id-direttiva għanda l-iskop li telimina prattiċi li m’humiex ġusti u li huma ta’ detriment għall-konsumatur, bħalma huma n-nuqqas ta’ informazzjoni jew l-għotja ta’ informażżjoni inkoretta. Il-konferenza kienet indiriżżata minn Giuseppe Abbamonte, espert fid-drittijiet tal-konsumatur fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.
Dan il-ktejjeb informattiv jista’ wkoll jinġabar mill-Consumer House fi Triq Tramuntana, il-Belt. Jinstab ukoll fuq is-sit eletroniku www.camalta.org