
Il-Kummissarju Ewropew Kuneva tniedi kampanja f’Malta fuq id-drittijiet tal-konsumatur
Ċentru ġdid għall-Konsumatur inawgurat fil-Belt Valletta
Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Konsumatur, Meglena Kuneva llum niedet kampanja ta’ informazzjoni f’Malta li se tkun qed tinforma lill-pubbliku Malti fuq id-drittijiet tiegħu bħala konsumatur kemm f’pajjiżu u kif ukoll f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. "Il-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropea kisbu drittijiet għall-konsumaturi, iżda l-leġislazzjoni hija biss pass wieħed sabiex niksbu sitwazzjoni fejn jinħares il-konsumatur", qalet f’konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Belt Valletta. "Biex dawn id-drittijiet iseħħu fil-prattika, l-irġiel u n-nisa Maltin jeħtieġ li jkunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom, jeħtieġ li nfakkruhomlhom b’mod regolari, u jeħtieġ li jkunu jafu fejn jistgħu jirrikorru għal aktar informazzjoni u f’każ ta’ ħtieġa."
Il-Kummissarju Kuneva u l-Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Kompetittività Ċensu Galea inawguraw iċ-Ċentru ġdid għall-Konsumatur fi Triq Nofsinhar fil-Belt Valletta. Iċ-Ċentru se jkun qed jilqa’ kemm lill-Għaqda tal-Konsumaturi f’Malta kif ukoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi ta’ Malta.
Il-kampanja ta’ informazzjoni mnedija f’Malta mill-Kummissjoni Ewropea se tippromwovi dan iċ-Ċentru bħala sors ta’ informazzjoni u pariri fi kwistjonjiet marbuta mal-konsumatur. Dwar iċ-Ċentru ġdid għall-Konsumatur, is-Sinjura Kuneva qalet li l-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Gvern Malti, tinsab impenjata li toffri kull għajnuna sabiex fis-snin li ġejjin, iċ-Ċentru jiżviluppa r-riżorsi umani meħtieġa. “Hemm sfida sabiex dan iċ-Ċentru jilħaq lill-pubbliku, billi jsir punt ta’ referenza u gwida – u kif ukoll entità ewlenija – fi kwistjonijiet ta’ ħarsien tal-konsumatur fis-soċjetà Maltija.”
Is-Sinjura Kuneva, li hija l-ewwel Kummissarju Ewropew responsabbli speċifikament mis-settur ta’ l-affarijiet tal-konsumatur u kif ukoll l-ewwel Kummissarju mill-Bulgarija, qalet li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-kampanja huwa dak li jagħti informazzjoni fuq id-drittijiet bażiċi. “L-esperjenza fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea – b’mod speċjali f’dawk il-pajjiżi li ssieħbu riċentement – turi li hemm ħtieġa kontinwa ta’ informazzjoni, u li l-Unjoni Ewropea tista’ tgħin u ssaħħaħ il-ħidma tal-gvernijiet.”
Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Belt Valletta ppreseduta minn Dr Joanna Drake, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien mal-Ministru Galea, is-Sinjura Kuneva qalet li stħarriġ ta’ l-Unjoni Ewropea li sar f’Malta fix-xhur li għaddew juri li:
- 50 fil-mija tal-konsumaturi Maltin ta’ bejn il-25 u l-45 sena ma jafux x’għandhom jagħmlu meta xi appliance li jkunu xtraw, ma taħdimx kif suppost;
- 60 fil-mija tal-konsumaturi Maltin ammettew li ma jafux id-drittijiet tagħhom meta jixtru minn fuq l-Internet;
- madwar żewġ terzi ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li ma kinux jafu x’jagħmlu jekk ikollhom xi problemi bil-vaganza jew titjira tagħhom.
Is-sinjura Kuneva żiedet tgħid li l-istess stħarriġ jiżvela li 90 fil-mija tal-Maltin jixtiequ jsiru jafu aktar dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi. Riċerka li saret fi gruppi apposta fi Frar li għadda indikat ukoll li l-konsumaturi Maltin iridu aktar informazzjoni dwar x’inhuma d-drittijiet tagħhom, u kif ukoll pariri kif jistgħu jingħataw dak li ħaqqhom. Urew ukoll ix-xewqa li din l-informazzjoni tingħata b’messaġġi qosra u umoristiċi għax huwa l-aħjar mod kif wieħed jitgħallem, u kif ukoll li urew interess li jissieħbu f’xi għaqda tal-konsumatur.
Il-messaġġ prinċipali tal-kampanja ta’ informazzjoni huwa dak li madwar l-Unjoni Ewropea, il-konsumaturi għandhom drittijiet u li ċ-ċittadini għandhom jisħqu li dawn id-drittijiet huma tagħhom bi dritt! Il-kampanja għandha l-għan li tkun edukattiva u informattiva iżda fl-istess ħin tkun waħda sempliċi u umoristika. Fi presentazzjoni viżiva li saret waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, tniedu wkoll żewġ karattri – Ray u Sandra – li huma l-protagonisti tal-kampanja.
It-temi ewlenin fil-kampanja se jiffukaw fuq id-drittijiet tal-konsumaturi fuq garanziji tal-prodotti, ix-xiri minn fuq l-internet u l-vaganzi organizzati fuq bażi ‘package’. Ir-riklami – kemm fuq ir-radju u l-gazzetti – se jkunu qed jagħtu importanza lil dawn id-drittijiet bażiċi f’dawn is-setturi. Barra minhekk, ġew prodotti tliet fuljetti informattivi (fact sheets)b’aktar dettalji, li se jkunu disponibbli miċ-Ċentru ġdid għall-Konsumatur u anke fuq il-websajt ta’ l-Għaqda tal-Konsumaturi.
Hekk kif il-kampanja taqbad ir-ritmu fix-xhur li ġejjin, se jkunu spjegati aktar drittijiet tal-konsumatur f’oqsma oħra, bħal m’huma, ix-xiri bil-kreditu u d-drittijiet tal-passiġier. Dan se jsir permezz ta’ disa’ factsheets oħra. Il-konsumaturi se jirċievu wkoll fuljett ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet bażiċi tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Dan se jitqassam fid-djar kollha ta’ Malta u Għawdex. Il-kampanja ta’ informazzjoni se tkun imsaħħa permezz tar-Relazzjonijiet Pubbliċi, attivitajiet, billboards, u kif ukoll permezz tal-websajt ta’ l-Għaqda tal-Konsumaturi – li għandha parti dedikata għal din il-kampanja ta’ informazzjoni.
Is-Sinjura Kuneva rreferiet ukoll għal għan ieħor tal-kampanja: “Irridu naħdmu mal-komunità kummerċjali Maltija. Jeħtieġ li l-kumpaniji – kemm kbar u kif ukoll żgħar – ikunu infurmati dwar id-drittijiet tal-konsumatur.” Il-messaġġ tagħha lill-komunità kummerċjali Maltija kien dak biex ikunu “consumer friendly” u biex jaġġixxu bl-aħjar prattiċi li jmorru lil hinn mill-obbligi legali tagħhom. Żiedet tgħid li fis-suq ħieles u miftuħ ta’ żmienna, dan m’għandux jitqies bħala spiża iżda bħala vantaġġ kompettitiv.
Il-kampanja se tinkludi attivitajiet immirati b’mod speċjali lejn il-komunità kummerċjali, u se jkun prodott fuljett apposta li se jitqassam lil kumpaniji u lill-kummerċjanti – kemm kbar u żgħar – dwar id-drittijiet bażiċi tal-konsumatur u l-obbligi tal-kummerċjanti.
Dawk il-konsumaturi li jixtiequ aktar informazzjoni jistgħu jċemplu liċ-Ċentru ġdid għall-Konsumatur bit-telefon fuq in-numru 2122 1901 jew permezz tal-websajt ta’ l-Għaqda tal-Konsumaturi: camalta.org. Filwaqt li l-kampanja tagħti informazzjoni għall-konsumaturi Maltin kollha, timmira b’mod partikolari ‘l dawk li għandhom bejn 25 u 45 sena.
Il-kuntratt tat-twettiq tal-kampanja ngħata wara sejħa pubblika għall-offerti minn Brussel is-sena l-oħra. Il-Kummissjoni Ewropea wettqet diversi kampanji simili fil-Polonja fl-2005, fir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u s-Slovenja fl-2006, u din ix-xitwa se jibdew kampanji simili f’Ċipru u l-Ungerija. Huwa maħsub li l-kampanji fl-Istati Membri ġodda l-oħra jsiru fl-2008 u fl-2009.
Għal aktar informazzjoni kkuntattja lil Content House Ltd fuq in-numru 2132 0712/3